Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri indirizza l-konferenza “Gozo Towards Climate Neutrality” li matulha ġie ffirmat ukoll il-ftehim bejn il-GRDA U l-Awtorità għall-Azzjoni sabiex tibda l-implimentazzjoni tal-viżjoni għal Għawdex bħala l-ewwel reġjun f’Malta newtrali għall-klima.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li, “Il-pjan ippublikat illum huwa pass importanti biex inkomplu nwettqu l-viżjoni tagħna li Għawdex isir l-ewwel reġjun f’Malta newtrali għall-klima. Il-ftehim iffirmat bejn il-GRDA u l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima se jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet u jgħinna ngħaddu mill-ippjanar għall-implimentazzjoni, b’azzjonijiet konkreti li jsaħħu s-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-kwalità tal-ħajja f’Għawdex.”
Huwa kompla jispjega li l-pjan jgħin biex jiġu identifikati l-oqsma fejn hemm l-akbar potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-investiment meħtieġ u l-passi li jistgħu jittieħdu b’mod realistiku. Dan filwaqt li sostna li din l-ambizzjoni hija parti mill-viżjoni usa’ tar-Regional Development Strategy for Gozo 2023–2033, li tħares lejn żvilupp li jgħaqqad il-progress ekonomiku mas-sostenibbiltà ambjentali, ir-reżiljenza u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Ministru Clint Camilleri fakkar li Għawdex diġà beda din it-tranżizzjoni permezz ta’ inizjattivi bħall-flotta kompletament elettrika tat-trasport pubbliku, l-investiment f’enerġija rinnovabbli u mobilità aktar nadifa, proġetti ta’ riabilitazzjoni ambjentali u investiment fir-reżiljenza tal-ilma. Hawn semma li minbarra t-tnaqqis tal-emissjonijiet, l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jkun prijorità, b’aktar ħarsien tar-riżorsi tal-ilma, infrastruttura aktar reżiljenti u protezzjoni tal-ambjent naturali.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Mario Borg spjega li l-mixja lejn climate neutrality toffri sfidi uniċi għal gżejjer żgħar bħal Għawdex, u teħtieġ soluzzjonijiet li jsibu bilanċ bejn għanijiet ambjentali u r-restrizzjonijiet marbuta mad-daqs tal-art u tar-riżorsi. Il-pjan li qed jiġi ppreżentat jistabbilixxi strateġija prattika għal Għawdex f’dan ir-rigward.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GRDA Juergen Attard qal li, “Il-pjan li ppubblikajna llum huwa pass importanti lejn l-għan li Għawdex isir l-ewwel reġjun f’Malta newtrali għall-klima. Huwa pjan mibni fuq l-evidenza, li jagħtina stampa aktar ċara ta’ x’hemm bżonn isir biex nilħqu din l-ambizzjoni. Għalhekk, dan mhuwiex it-tmiem tal-proċess, iżda l-bidu tal-fażi ta’ implimentazzjoni, fejn din l-evidenza trid tissarraf f’azzjoni konkreta u realistika li ssaħħaħ is-sostenibbiltà u r-reżiljenza ta’ Għawdex, filwaqt li tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima Abigail Cutajar qalet li, “Il-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima u l-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex tirrifletti eżattament lir-rwol li nemmnu li s-CAA għandha taqdi: mhux li tgħid lil Għawdex kif għandu jnaqqas l-emissjonijiet, imma li tgħaqqad l-ambizzjoni reġjonali mal-politika nazzjonali dwar il-klima, biex l-ebda deċiżjoni dwar l-enerġija, it-trasport jew l-ippjanar ma tittieħed iżolata. B'għodod bħal EcoTrack li diġà qed jgħinu lill-entitajiet pubbliċi jkejlu kemm qed jikkonsmaw, issa l-għan tagħna hu li nibdlu din l-evidenza fi proġetti prattiċi li jġibu t-tranżizzjoni ta' Għawdex viżibbli u eqreb lejn in-nies.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-pass li jmiss huwa li l-Gvern, il-GRDA, il-Climate Action Authority u l-entitajiet jaħdmu flimkien biex l-evidenza u l-pjan ippreżentati jiġu tradotti f’miżuri konkreti u implimentazzjoni realistika.